gov.mt

PR261852

PR261852

04/11/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Malta Miegħek: Budget 2027 ikompli jsaħħaħ l-appoġġ lejn is-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-provvista tal-ikel

F'Marsaskala inawgurat investiment li se jtejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza tas-sajjieda

Il-Gvern qed ikompli bl-investiment fil-modernizzazzjoni tal-winches f'diversi portijiet tas-sajd madwar Malta, bil-għan li jkompli jsaħħaħ is-sigurtà, l-effiċjenza u l-infrastruttura għall-benefiċċju tas-sajjieda.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, waqt l-inawgurazzjoni ta' parti mix-xogħlijiet relatati ma' dan il-proġett f'Marsaskala.

Il-proġett jinkludi l-installazzjoni ta' winches moderni u aktar effiċjenti, li se jiffaċilitaw il-ġbid tal-bastimenti tas-sajd, filwaqt li jnaqqsu r-riskji operattivi u l-ħsarat fit-tagħmir. Dan l-investiment jallinja mal-Istrateġija Nazzjonali tas-Sajd 2026–2036, b'mod partikolari l-pilastru ddedikat għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tas-sajd.

Ix-xogħlijiet relatati mal-winches huma ppjanati f'diversi lokalitajiet, fosthom San Ġiljan, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, Marsamxett u ż-Żurrieq.

Il-Ministru Refalo sostna li l-investiment fl-infrastruttura huwa essenzjali sabiex is-settur tas-sajd jibqa' sostenibbli u kompetittiv. “Is-sajjieda tagħna għandhom bżonn infrastruttura moderna u sigura li tgħinhom fil-ħidma tagħhom ta' kuljum. Permezz ta' dan l-investiment qed inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u nagħtu aktar serħan il-moħħ lill-familji li jiddependu minn dan is-settur," qal il-Ministru Refalo.

Il-Ministru għamel referenza wkoll għall-Budget 2027, li jkompli jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-bdiewa, lis-sajjieda, lir-raħħala u lil dawk kollha involuti fil-provvista tal-ikel, kemm permezz ta' għajnuna finanzjarja kif ukoll permezz ta' assistenza teknika. Huwa sostna li dawn is-setturi għandhom rwol fundamentali mhux biss fil-produzzjoni u l-provvista tal-ikel, iżda wkoll fil-ħarsien tal-art agrikola u tar-riżorsi naturali ta' pajjiżna.

“Il-Budget 2027 jibgħat messaġġ ċar li l-Gvern se jkompli jkun ta' sostenn għal dawk li jaħdmu fl-agrikoltura, fis-sajd u fil-provvista tal-ikel. Dawn huma setturi essenzjali għall-ekonomija tagħna, għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u għall-ħarsien tal-wirt naturali Malti. L-impenn tagħna huwa li nkomplu ninvestu fihom, intejbu l-infrastruttura u nagħtu lill-operaturi l-għodod meħtieġa biex ikomplu jiżviluppaw," sostna l-Ministru Refalo.

Il-Ministru Refalo rrefera wkoll għall-miżura mħabbra fil-Budget 2027 li permezz tagħha s-sajjieda professjonali se jibqgħu eżentati mir-reviżjoni tal-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni annwali tal-bastimenti.

Il-Ministru fakkar ukoll f'investimenti oħra li saru fis-settur tas-sajd, fosthom faċilitajiet ġodda għall-provvista tad-dawl u l-ilma, kmamar ġodda tal-winches u skemi ta' għajnuna finanzjarja għas-sajjieda, inkluż kumpens marbut maż-żieda fil-prezz tal-fjuwil.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, Bjorn Azzopardi, enfasizza l-importanza ta' dan l-investiment fil-kuntest tal-viżjoni fit-tul għas-settur tas-sajd Malti. “Dan il-proġett huwa eżempju konkret ta' kif, bħala Dipartiment, qed inkomplu ninvestu f'infrastruttura moderna u adegwata għall-ħtiġijiet tas-sajjieda tagħna. Is-sostituzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-winċijiet fil-port tas-sajd hija wkoll parti mill-viżjoni usa' tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd 2026–2036, li għandha l-għan li ssaħħaħ is-settur permezz ta' infrastruttura aħjar, aktar sigurtà u effiċjenza, u aktar sostenibbiltà. Se nkomplu naħdmu biex l-investiment pubbliku jissarraf f'titjib konkret għas-sajjieda u l-operaturi kollha f'settur tas-sajd Malti aktar reżiljenti, modern u sostenibbli," sostna Azzopardi.​​

Il-Ministru Refalo temm billi rringrazzja lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u lis-sajjieda għall-kontribut tagħhom, filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f'settur li huwa parti importanti mill-identità, l-ekonomija u l-provvista tal-ikel ta' pajjiżna.

​